Tuesday, 4 June 2013

Fokker 100


Tlajt fuq ajruplan żgħir tas-Swiss International Air Lines. Kelli sit fl-aħħar filliera, 20B. Mit-tieqa jidhru ż-żewġ magni fuq wara, ħdej' id-denb. Hekk magħmul dan l-ajruplan. Il-magni jgħattulek nofs il-veduta kollha jekk tixtieq taraha.

Poġġejt, biddilt il-flus Daniżi fil-portmonti mal-Ewri, ħalli meta nasal ma noqgħodx nilgħab. Għabbejt il-basket u mbuttajtu biex jidħol fl-overhed lagiġ kompartment. Malli ġejt biex inpoġġi, kien hemm wieħed għadu kemm poġġa fis-sit ta' ħdejja, mat-tieqa; jien kont fuq barra. Kien daqsxejn oħxon dan, u l-bagalja tiegħu poġġiha taħt is-sit ta' quddiemu. Għedtlu, "Trid tpoġġiha 'l fuq din?" Qalli, "Le, le, orrajt."

U poġġejt ħdejh. L-armrest ta' bejnietna bilkemm kienet tinżel minħabba dar-raġel, u ħassejtu kważi kien qed jogħroq. Qalli, "Ma tantx għandna ndumu, mhux ta' malajr?" Il-flajt kellha tkun inqas minn nofs siegħa. Qalli li iktar idum joħroġ mill-parking u jagħmel tejkoff u lendink milli ndumu fuq il-flajt. U dħakna ftit. Għedtlu, "Naħseb għal dil-flajt kulħadd ikun ġej minn flajt oħra, għax bit-trejn tgħaġġel iktar kieku." U qabel miegħi. Għedtlu li jien kont ġej minn Kopenħagen, u hu qalli li kien ġej minn Madrid. Qalli, "Għax iż-Żurrieq tal-Iżvizzera (Zurich) qiegħed eżatt lajn dritt minn Madrid sa Stuttgart. Allura din l-iqsar konnekxin għalija."

Kien Spanjol qed jaħdem Stuttgart u meta jfettilu jinżel lura belt twelidu. Bilkemm ma kontx ħsibtu Ġermaniż, għax l-aċċent tal-Ingliż tiegħu kien juri li ilu ħafna l-Ġermanja u ma kellux aċċent Spanjol. Qalli li jaħdem mal-Mersedes. Ma kontx sorpriż, anzi stennejtu jgħidli xi ħaġa hekk. L-aħħar darba waqt il-festa tal-birra kont qed nixrob ma' nies jaħdmu mal-Porx. Tkellimna daqsxejn fuq kemm haw' inġiniera jaħdmu fi Stuttgart, u bqajna sejrin biex nitkellmu fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti, lingwi differenti, u kemm haw' nies jaħxu bil-kontijiet ta' banek Żvizzeri.

Mat-tejkoff, raqad, u jien ħadt nagħsa ħafifa wkoll, u ma tkellimniex iktar sa dat-tant. Tawna ċikkulata u flixkun ilma żgħir. Malli ġew biex ituna ċikkulata oħra tal-aħħar, jien ma kellix aptit, u lanqas hu. Illendjajna u xgħelt il-mobajl waqt li qed joħroġu n-nies. Peresli konna fl-aħħar sit, kellna noħorġu minn tal-aħħar.

Malli żvojta nofs ajruplan, ċempilli ħabib tiegħi u qgħadt inpaċpaċ bil-Malti. Kelli idi bil-mobajl ma' widinti u kont qed nipprova naqla' l-basket li kont rassejt fil-kompartment. B'id waħda ma rnexxilix, allura kelli ngħajjat minn ġol-mobajl għal sieħbi biex jieqaf ipaċpaċ sakemm waddabt il-mobajl fuq is-sit ħalli niġbed il-basket. Sadattant in-nies qed jistennew u jħarsu. Ilbist il-basket, erġajt qbadt il-mobajl, u tlaqt niġri lej' il-bieb.

Lill-krù sellimtilhom b'idi l-vojta u għaġġilt biex nilħaq it-trejn. Lill-Ispanjol kont insejtu u laqqas biss sellimtlu. U ħassejtni liba.

Monday, 3 June 2013

Tejkoff

Illum kont fuq l-ajruplan ġej miż-Żurrieq tal-Iżvizzera (Zurich) u għaddieli ħsieb biex nibda nirrakkonta ħwejjeġ li jiġruli, li nisma', jew li nara fuq l-ajruplan. Ħsibt ukoll biex nibni fuq idea u ispirazzjoni ta' kitbiet oħra tas-Sur Edward Grech li għandu f'blogg ieħor jismu Fuq tal-linja. Għaldaqstant, dan huwa t-Tejkoff ta' din l-avventura ħelwa tiegħi.

L-ewwel rakkont niktbu fil-ġranet li ġejjin.

English version