Sunday, 5 January 2014

Aħjar għasfur f'idejk minn mija fl-ajru

Illum kienet il-mitt darba li kont fl-ajru minn meta bdejt intir fl-2006. Iddeċidejt niċċelebra dan l-avveniment ta' min iħobb in-numri billi nieħu grokk wiski fuq l-ajruplan. Il-wejter qaltli li wiski ma kellhomx, u kelli nieħu birra.

Ħin minnhom iltqajna' ma' xi pakketti tal-arja u bej' li norqod u nerġa' nqum u nerġa' norqod, kelli nixrob il-birra biex ma jaqagħlix fuq il-mejda. Aktar tard erġajt qomt għax l-ajruplan beda jiċċaqlaq bħall-vapur t'Għawdex meta l-baħar ikun imqalleb u r-riħ b'forzi aktar minn 7. L-ajruplan beda jaqa' xi mumenti fl-ajru, u ma' kull waqgħa kulħadd beda jgħajjat bil-biża' f'kor ta' "Aa-aaa!"

Jiċċaqlaq darbtejn oħra minn naħa għall-oħra b'torque liema bħalu. Ta' ħdejja bdiet twerżaq u sejra, "Oh god! Oh god!" bħallieku f'ħaxja tajba. Jien qgħadt hemm bil-qiegħda, bis-seat belt issikkat kif suppost biex ma mmurx nieħu xi daqqa ġo moħħi mas-seat ta' quddiemi. U bdejt inħares lejn in-nies u nipprova naħseb fil-biża' tagħhom, u fuq jekk bdewx jaħsbu jekk din hix possibilment l-aħħar flight ta' ħajjithom.

Meta għadda kollox, il-kaptan tkellem fuq l-ispeaker biex iserraħ ras in-nies li m'għadx fadlilna ċaqliq bħal qabel u qalilna biex nibqgħu bis-seat belt maqful sakemm naslu Frankfurt. Ma stajtx immur nagħmel pipi. Ħriġt il-mobajl u qgħadt nikteb din l-istorja biex inessini minn dan il-fatt. U ħupp, wasalna!