Illum kont sejjer Malta minn Frankfurt, wara kważi sitt xhur. Xtrajt ktieb mill-airport u qgħadt naqra fuq l-ajruplan.
Ħdejja poġġa wieħed jitkellem Portugiż, naħseb kien Brażiljan. Vera kien arroganti: poġġa fin-nofs, tefa' jdejh it-tnejn fuq l-armrests, avolja kelli tiegħi. Umbagħad beda jċempel qabel tirna, "Hola, Hola... oh, la connesion esta mierda" xi għaxar darbiet. Umbagħad resaq fuq is-sit l-ieħor, neħħa l-ġakketta u tefagħha fis-sit tan-nofs, bejnietna, nofsha fuqi, bla każ ta' xej'. Muntun!
U komplejt naqra xi nofs siegħa. X'ħin xbajt, pruvajt norqod ftit imma ma rnexxilix, allura mort inbul. L-ajruplan beda jiċċaqlaq qabel ma bdejt, u bdejt inħoss li mhux se jkolli mira tajba. Pruvajt inserraħ b'rasi mas-saqaf angulat imma rraġunajt li jekk tiġi xi ċaqliqa tajba nista' nweġġa'. Allura poġġejt bilqiegħda, u nisma' l-lawdspijker jgħid li għaddejin minn żona ta' taqlib tal-arja u biex kulħadd imur f'postu u mhux permess l-użu tat-toilets. Imma jien kont 'ġà ġewwa u ħadd ma kien se joħroġni minn hemm qabel inkun striħajt.
Irnexxieli bi tbatija u ħriġt. L-ajruplan kien għadu jaqbeż. In-nies kienet għadha tgħajjat. Bdejt nisma' kollox qisu 'l bogħod. Kelli nimxi t-tul kollu tal-ajruplan. Rajt quddiemi telgħa ta' kuritur. U bdejt, qisni tiela' xi muntanja, inserraħ m'haw' u nserraħ m'hemm. Biex ma ntawwalx, wasalt fis-sit. Sa dal-ħin kont b'fawra u kelli nneħħi l-flokk ta' fuq. Serraħt ma' sit minnhom u neħħejt.
Fl-aħħar poġġejt bil-qiegħda, kważi għarqan xraba. U l-ajruplan waqaf jiċċaqlaq.