Friday, 24 March 2023

Onorevoli President


Illum kont se ntir - qed intir bħalissa nsomma - imma meta kont għadni kont se ntir, kont għadni fuq it-trejn lejn l-ajruport, u għedt ħa nagħmel ċekinn mill-mobajl, ħalli taf int, ikolli sit magħżul u ndum inqas biex intihom il-bagalja u x'naf jien. U sibt il-kowd insomma u daħħaltu mal-kunjom fil-web ċekinn tal-Air Malta. Il-kunjom s'intendi ma ħadux mill-ewwel, għax għadna nużaw sistemi li nkitbu eżatt wara l-gwerra biex intiru. U erġajt daħħaltu bid-D sempliċi, flok bil-Đ. U ħadu, sorpriż li l-ispace ħadu wkoll, avolja rreġistrahuli b'kelma waħda, Debonomrden. U telgħet il-paġna biex nagħmel iċ-ċekinn, imma qalli li ma stajtx nagħmel ċekinn għal dan il-vjaġġ u biex inkellem aġent fl-ajruport. U għedt, hawn aħna, l-ajruplan overbooked u lili se jħalluni l-art! Inżammar mhux nibqa' l-art, għedt ġo qalbi, imma ma stajt nagħmel xejn.

U wasalt l-ajruport, u mort għaċ-ċekinn, kelli ġiex bagalji, u nzertajt eżatt wara familja li kien ġiet bir-razza u r-redika. Ir-raġel, alfa, xagħru mqaxxra bit-two, bl-imsielet tad-deheb u b'piġama bajda qisha tal-fer. Martu ħoxna b'piġama pariġġha titkellem mal-aġenta taċ-ċekinn, għax hi kienet tifhem aktar minnu. M'għoddejthomx, imma inqas minn għaxar bagalji ma kellhomx bejniethom. Il-kju ta' warajja beda jiżdied u jitwal ġmielu, u biex ma ntawwalx, domt nofs siegħa nistenna sakemm it-tifel poġġha l-bagalja tiegħu, u oħtu wkoll, u z-zija wkoll, u z-ziju wkoll, u l-ħabiba tagħhom ukoll, u n-nannu wkoll, u ankè n-nanna. L-aġenta dehret qagħdet attenta tipprova tara li tipprintja boarding passes daqs kemm kienu nies, u fl-aħħar tathom mazz sħiħ. U mbagħad kien imissni jien. "Tajjeb emergency seat?" qaltli. "Perfekt!" għedtilha jien. Perfett għax ma kinux se jħalluni l-art, perfett għax ikolli xebgħa legroom, u perfett għax jekk ikolli niftaħ il-bieba tal-emerġenza, noħroġ jien l-ewwel. Inħobbu l-emergency seat.

U mort biex ngħaddi mis-security. Ir-Rit tas-Security! Sakemm kont qed nistenna għaċ-ċekinn, ankè hawn inġema' koċċ kju. Xi għaxar fillieri kju. Għedt fuck it, nistenna bħall-ħmar. Imma bqajt dieħel sa ġewwa, għedt forsi nista' nitla' u ngħaddi mis-security ta' fuq minflok. Imma kien magħluq b'dak it-tejp jew x'jgħidulu b'waħda għassa miegħu. U nara lift u malli għafastlu ninduna li fil-fatt kien lift għall-istaff biss. U pronta ġiet tal-għassa b'ton imqanżaħ, "Dak ma tistax tużaaah, trid terġa' tmur lura fil-kjuuu!" Bħallikieku qed nipprova nisraq! U dort lura taparsi bħall-kelb il-mismut biex nara nsibx xi mkien ieħor minn fejn ngħaddi għal fuq. U mxejt sat-tarf l-ieħor tas-sala bil-mod, u x'ħin erġajt lura, nara li n-nies il-ġodda li bdew ġejjin kienu qed jitilgħu dritt għal fuq. Dik tal-għassa kienet fetħet għal fuq għax is-sala t'hawn isfel kienet imtliet. X'ħin għaddejt minn ħdejha ratni, u għajnejna ltaqgħu u wiċċha tfixkel.

X'ħin diħlin fuq l-ajruplan minn fuq il-pont, innutajt karozza VIP ħdejn l-ajruplan, u għedt isa ħej, minjaf min se jonorana bil-preżenza tiegħu illum. U dħalt fl-ajruplan u kif kulħadd kien poġġut, laqagħna l-pilot u beda, "Onorevoli Ministru u s-Sinjura Vella, għeżież passiġġieri, nilqagħkom għal din it-titjira lejn Malta", eċċetra eċċetra, jew hekk fhimt insomma. Għedt, Ministru Vella min hemm bħalissa? Ma rajt lil ħadd li għaraft jien u tiela'. U għaddast rasi fil-mobajl u ma tajtx kas.

F'nofs il-flight, ħassejtni ftit patrijott u ġibt Ċisk u Pringles. Nofsni patrijott, għax kieku full, kont inġib Twistees, imma Pringles kelli aptit. Wara nofs il-birra, ta' ħdejja marret fit-toilet ta' quddiem, li s-soltu jkun riservat għal ta' quddiem biss għax jagħlqu dik is-section bil-purtiera. U ħsibt, għedt ta' min nuża dak it-toilet u nitkixxef min kien dal-Ministru. U x'ħin noħroġ mit-toilet, narah: eyebrows kbar jaqra l-gazzetta. L-Eċċellenza Tiegħu il-President tar-Repubblika. Tilifha l-protesta llejla.

Thursday, 8 November 2018

Biżżnies Klagħas: lażanja tal-ispinaċi

Bħalissa għaddejjin minn fuq il-Baħar l-Iswed fit-triq lejn Dubaj minn Frankfurt. Għadni kemm spiċċajt nara film The Commuter, għax kont bdejtu darba minnhom fuq titjira oħra u ma kontx spiċċajtu, allura erġajt bdejtu mill-bidu.

Dan ajruplan mill-wisgħin b'ġiex kurituri, u għaxar siġġijiet kull filliera: tlieta, erbgħa, u tlieta. Kulħadd għandu skrin żgħir biex joqgħod jara xi film u jgħaddi ż-żmien insomma. Ma tantx nuża dawn l-ajruplani l-kbar però dan wieħed mill-aktar moderni li ltqajt magħhom. Rimowt għall-iskrin ma jeżistix, kollox taċskrin, u għandek ju-ess-bi ċarġer u fej' iddaħħal il-ħedfowns. Biex tixgħel il-bozza ta' fuq rasek, minn fuq l-iskrin, u biex issejjaħ il-wejter, minn fuq l-iskrin ukoll. Allura qgħadt nilgħab ftit biex nara kemm idum biex jieħu minn x'ħin nagħfas il-buttuna fuq l-iskrin sakemm tixgħel il-bozza. Hemm dawk il-ġiex sekondi bid-delay. Bi żball ilqatt il-buttuna biex insejjaħ il-wejter. Ħaqq, eh orrajt nista' nagħmel Cancel.

X'ħin wasal il-ħin tal-ikel, jew aħjar il-pranzu, qishom nesew in-naħa tiegħi. Mara li kienet bilqiegħda fil-filliera tiegħi ġabulha l-ikel u qalulha, "Sorì ħi, il-lażanja veġiterjien spiċċat. Imma għandek dan, ġibnihulek mill-biżżnies klagħas." Kemmxet daqsxejn xufftejha u ħaditu. Aħjar minn xejn, naħseb qalet f'qalbha.

Ġie wejter minn warajja bit-trolì tad-drinks u qalli, "Mela mhux se nieħdu lanċ illum?" Għedtlu, "Ħeqq ma nafx, naħseb għadu ġej." U kkonferma ma' sħabu l-kollegi u qalulu li għadu ġej mill-biżżnies klagħas għax spiċċalhom kollox hawn isfel. Qalli bid-daħka, "Mela tridx nibdew bid-drinks, Ser? Issa jġibulek l-ikel mill-biżżnies klagħas." Bħallikieku ma smajthomx. U għedtlu, "Tini koka mela."

Umbagħad wara xi siegħa ġew. U veru kien minn tal-biżżnies klagħas. Furketta u sikkina tal-metall flok tad-dispowżibiel u l-ikel fuq platt sura mhux ġo dik il-biċċa fojl tal-alumilju bħalma kienu jtuna tal-Air Malta, allajaħfirlu ta' qabel il-bezzun.

In-nejka li lili ġabuli lażanja tal-ispinaċi, dik li misshom taw lill-oħra. Issa ara jien fej qatt kilt lażanja tal-ispinaċi! U lill-bqija tal-filliera ukoll ġabulhom l-istess lażanja. Mela kien baqgħalhom! Imma l-oħrajn kellhom ħobża żgħira u jien ma kellix. Dak x'iġifieri! Qas ħaqq tawni butir.

U ġabu iktar ikel għall-fillieri l-oħrajn li kienu għadhom ma kilux u l-istess qalulhom, li l-veġiterjien kien spiċċa, imma kellhom alternattiva ta' laħam jew ħut mill-biżżnies klagħas.

Ara naqra, għedt ġo qalbi. U l-lażanja velenu niżlitli.

Saturday, 20 December 2014

Poġġejt ħdej' Brażiljan u ma temmnux x'ġara wara

Illum kont sejjer Malta minn Frankfurt, wara kważi sitt xhur. Xtrajt ktieb mill-airport u qgħadt naqra fuq l-ajruplan.

Ħdejja poġġa wieħed jitkellem Portugiż, naħseb kien Brażiljan. Vera kien arroganti: poġġa fin-nofs, tefa' jdejh it-tnejn fuq l-armrests, avolja kelli tiegħi. Umbagħad beda jċempel qabel tirna, "Hola, Hola... oh, la connesion esta mierda" xi għaxar darbiet. Umbagħad resaq fuq is-sit l-ieħor, neħħa l-ġakketta u tefagħha fis-sit tan-nofs, bejnietna, nofsha fuqi, bla każ ta' xej'. Muntun!

U komplejt naqra xi nofs siegħa. X'ħin xbajt, pruvajt norqod ftit imma ma rnexxilix, allura mort inbul. L-ajruplan beda jiċċaqlaq qabel ma bdejt, u bdejt inħoss li mhux se jkolli mira tajba. Pruvajt inserraħ b'rasi mas-saqaf angulat imma rraġunajt li jekk tiġi xi ċaqliqa tajba nista' nweġġa'. Allura poġġejt bilqiegħda, u nisma' l-lawdspijker jgħid li għaddejin minn żona ta' taqlib tal-arja u biex kulħadd imur f'postu u mhux permess l-użu tat-toilets. Imma jien kont 'ġà ġewwa u ħadd ma kien se joħroġni minn hemm qabel inkun striħajt.

Irnexxieli bi tbatija u ħriġt. L-ajruplan kien għadu jaqbeż. In-nies kienet għadha tgħajjat. Bdejt nisma' kollox qisu 'l bogħod. Kelli nimxi t-tul kollu tal-ajruplan. Rajt quddiemi telgħa ta' kuritur. U bdejt, qisni tiela' xi muntanja, inserraħ m'haw' u nserraħ m'hemm. Biex ma ntawwalx, wasalt fis-sit. Sa dal-ħin kont b'fawra u kelli nneħħi l-flokk ta' fuq. Serraħt ma' sit minnhom u neħħejt.

Fl-aħħar poġġejt bil-qiegħda, kważi għarqan xraba. U l-ajruplan waqaf jiċċaqlaq.

Sunday, 25 May 2014

Lej' Malta għall-Emm-Mi-Pis

Malli tlajt fuq l-ajruplan saqsejt għat-Times, kif nagħmel is-soltu meta nirkeb mal-Air Malta. Qaltli, "Saqsihom waħda fuq wara għax rajtilhom xi ftit." Xagħrha iswed, lipstick aħmar, arloġġ tal-bronż, u żewġ imsielet fuq widna waħda. L-oħra, iż-żorra, saqsietni għall-boarding pass, "Boarding pass plijs." Kont ġà urejtulha u ratu, imma nesiet. Sakemm wasalt fis-sit, jien ukoll ilħaqt insejt bil-gazzetta.

Poġġejt u ħdejja kien hemm mara Maltija titkellem bl-Ingliż mat-tifla tagħha t'għoxrin sena. U bdew jgħidu biex xi ħadd jibdel postu. Kienu jidhru tal-pezzakustjoni, imma kont ġentlom u staqsejthom bil-Malti jekk xi ħadd li jafu jixtiqx jiġi floki. Qalu le, le orrajt.

Wara li sakkart iċ-ċintorin, it-tfajla ddeċċidiet li trid tqum biex jiġi l-kuġin flokha, allura kelli nqum għax kont fuq barra. Dat-tifel kellu xi ħmistax, u ġie u poġġha ħdej' zitu.
U qagħdu jitkellmu u catching up insomma. Iz-zija tilgħab Candy Crush fuq l-iPad u hu b'headphone f'widintu. Hi riedet tilgħabha tal-cool miegħu u qagħdet issaqsieh, "Allura, how's school goin'? Good ey?" "You goin' swimming jew in Malta?" "How long you gonna stay? Le, we stay tree days, till Monday. Illa one week tajjeb!" "Where do you go to swim no'mally?"

Jien qabżitli u ħrabt qabel tirna lej' sit vojt tal-Eme'gency Exit. Wara ftit ġiet iż-zorra u staqsietni kif ġejt hemm. Qaltli li biex tpoġġi haw' suppost tħallas twenty-five euros. U kelli nerġa' mmur f'posti nisma' l-istejjer. Dawwart dawra l-brochure li kien fil-"kompartament tas-sit ta' quddiemi" u wara ftit stajna ninżgħu iċ-ċintorin. Qomt l-ewwel wieħed u mort fuq wara nistaqsi għall-gazzetta. Is-sexy ma kinitx hemm, imma kien hemm oħra li offrietli l-gazzetta tagħha, sakemm indunat li kien hemm ġiex gazzetti oħra mitwijin fuq xkaffa, u ħadt minn hemm.

Sadattant, it-tifla tal-mara ta' ħdejja u tfajla oħra, rajthom ferħanin fis-sits tal-Eme'gency, u ħsibt, iż-żobb f'sormhom, nispera tiġi tkeċċihom. U wara ftit ġiet iż-żorra u kellhom jitilqu. Il-mara ta' ħdejja pronta qaltilhom, "What happened, ey? Did they tell you someting? How stupid they are! They are empty, how can they say that? Stay there, issa I talk to them." Imma telqu xorta.

Qassmulna l-ikel u wara ġew bħas-soltu bil-kafè. Jien ħadt kafè imma l-mara ta' ħdejja riedet te. "Tea will come right up," qaltilha ż-żorra. It-tea kienet qed tqassmu s-sexy, u ġiet wara ftit, "Tea?" U ta' ħdejja, "No, coffee please. And he'll also take coffee," filwaqt li ppuntat lej' in-neputi. Jien bqajt b'ħalqi magħluq imma għajnejja daru ftit f'posthom. U komplejt nixrob il-kafè tiegħi bil-mod.

Wednesday, 23 April 2014

Eine Cola, bitte

Illum kont sejjer lura x-xogħol lejn Stuttgart minn Zagreb. Germanwings, flight normali. Xi passiġġieri kienu nervużi. Ta' quddiemi beda jiċċaqlaq fis-sit u jimbotta lura. Xi baby beda jibki. Ta' ħdejja fetħet flat file u bdiet taqra xi noti fuq is-saħħa. Jien ħadt it-tuffieħa mill-pocket tas-seat ta' quddiemi u qbadt niekol.

Ġew iservu. L-ewwel dawk li kellhom is-Smart tariff. Għax dawn iħallsu iktar u jtuwhom biċċa ħobż, Toblerone żgħira, u flixkun ilma żgħir, 200ml. Umbagħad reġgħu għaddew iservu l-bqija, tal-Basic tariff. U dawn jistgħu jieħdu affarijiet minn fuq il-menu.

Waħda mill-wejters kienet tidher mhix żgħira, 'il fuq minn erbgħin. Ġermaniża, twila, dublett aħmar ġiex pulzieri 'l fuq mill-irkoppa, tanga, eċċ. U qed isservi, sormha lejja. Xi ħadd talab Coka u waqagħlha mal-art. Malajr kienet ħafifa, ġabritu, u malli fetħitu spara għal wiċċha u werżqet. L-ajruplan kollu nduna bl-inċident ħelu u xi nies tbissmu jew daħku.

Jien tbissibt ukoll, deffist il-fdalijiet tat-tuffieħa fil-basket tal-karti li tirremetti fih u komplejna bil-vjaġġ.

Sunday, 5 January 2014

Aħjar għasfur f'idejk minn mija fl-ajru

Illum kienet il-mitt darba li kont fl-ajru minn meta bdejt intir fl-2006. Iddeċidejt niċċelebra dan l-avveniment ta' min iħobb in-numri billi nieħu grokk wiski fuq l-ajruplan. Il-wejter qaltli li wiski ma kellhomx, u kelli nieħu birra.

Ħin minnhom iltqajna' ma' xi pakketti tal-arja u bej' li norqod u nerġa' nqum u nerġa' norqod, kelli nixrob il-birra biex ma jaqagħlix fuq il-mejda. Aktar tard erġajt qomt għax l-ajruplan beda jiċċaqlaq bħall-vapur t'Għawdex meta l-baħar ikun imqalleb u r-riħ b'forzi aktar minn 7. L-ajruplan beda jaqa' xi mumenti fl-ajru, u ma' kull waqgħa kulħadd beda jgħajjat bil-biża' f'kor ta' "Aa-aaa!"

Jiċċaqlaq darbtejn oħra minn naħa għall-oħra b'torque liema bħalu. Ta' ħdejja bdiet twerżaq u sejra, "Oh god! Oh god!" bħallieku f'ħaxja tajba. Jien qgħadt hemm bil-qiegħda, bis-seat belt issikkat kif suppost biex ma mmurx nieħu xi daqqa ġo moħħi mas-seat ta' quddiemi. U bdejt inħares lejn in-nies u nipprova naħseb fil-biża' tagħhom, u fuq jekk bdewx jaħsbu jekk din hix possibilment l-aħħar flight ta' ħajjithom.

Meta għadda kollox, il-kaptan tkellem fuq l-ispeaker biex iserraħ ras in-nies li m'għadx fadlilna ċaqliq bħal qabel u qalilna biex nibqgħu bis-seat belt maqful sakemm naslu Frankfurt. Ma stajtx immur nagħmel pipi. Ħriġt il-mobajl u qgħadt nikteb din l-istorja biex inessini minn dan il-fatt. U ħupp, wasalna!

Saturday, 3 August 2013

Qegħdin burgh u ajruplani

Mela ltqajt ma' din l-istorja ħelwa fuq Blogga silġ, u qed nirreplikaha hawnhekk għalikom b'permess tal-awtur. Din it-tfajla kienet fuq l-ajruplan sejra Edinburgh minn Malta.
Qiegħda waħdi nħares 'l isfel. 'Il fuq mis-sħab, 'il fuq mill-ħsibijiet tiegħi nnifsi. Qabadni l-għatx. Kienu għaddejin bil-kafejiet u tħajjart nixtri x'nixrob bl-għali fil-għoli fis-sema. Staqsejt għal Tonic water u ħriġt £10 biex ikolli naqra żgħar bqija. Tajtha l-flus u kellha tazza żgħira tal-plastik bħala kexx bil-flejjes fiha. Ma tantx kellha bqija Ingliża. Rajtilha €5 mill-ġodda. Qbiżt mis-sit tiegħi, "If it's easier for you I have €10".  Li ridt infisser b'dik is-sentenza kienet, "Jekk jogħġbok tini dik il-€5 bħala bqija. "Yeah that'll be mooch better", weġbitni. Ħriġt l-€10 u partatna ġo wiċċ ta' ħdejja. Qed tbagħbas fit-tazza u kienet se taqbad €5 antika u żelqitilha minn bejn subgħajha, u qabdet il-€5 l-ġdida. Kaċing! Eħe, għadni nżomm il-€5 ġodda. (Irreferi għal dan). Irrid insib ħobi...

Għalfejn l-affarijiet fuq l-ajruplan ikunu jiswew ħafna flus?
Għax ikunu mogħla s-sema. Ħeeee.