Illum kont se ntir - qed intir bħalissa nsomma - imma meta kont għadni kont se ntir, kont għadni fuq it-trejn lejn l-ajruport, u għedt ħa nagħmel ċekinn mill-mobajl, ħalli taf int, ikolli sit magħżul u ndum inqas biex intihom il-bagalja u x'naf jien. U sibt il-kowd insomma u daħħaltu mal-kunjom fil-web ċekinn tal-Air Malta. Il-kunjom s'intendi ma ħadux mill-ewwel, għax għadna nużaw sistemi li nkitbu eżatt wara l-gwerra biex intiru. U erġajt daħħaltu bid-D sempliċi, flok bil-Đ. U ħadu, sorpriż li l-ispace ħadu wkoll, avolja rreġistrahuli b'kelma waħda, Debonomrden. U telgħet il-paġna biex nagħmel iċ-ċekinn, imma qalli li ma stajtx nagħmel ċekinn għal dan il-vjaġġ u biex inkellem aġent fl-ajruport. U għedt, hawn aħna, l-ajruplan overbooked u lili se jħalluni l-art! Inżammar mhux nibqa' l-art, għedt ġo qalbi, imma ma stajt nagħmel xejn.
U wasalt l-ajruport, u mort għaċ-ċekinn, kelli ġiex bagalji, u nzertajt eżatt wara familja li kien ġiet bir-razza u r-redika. Ir-raġel, alfa, xagħru mqaxxra bit-two, bl-imsielet tad-deheb u b'piġama bajda qisha tal-fer. Martu ħoxna b'piġama pariġġha titkellem mal-aġenta taċ-ċekinn, għax hi kienet tifhem aktar minnu. M'għoddejthomx, imma inqas minn għaxar bagalji ma kellhomx bejniethom. Il-kju ta' warajja beda jiżdied u jitwal ġmielu, u biex ma ntawwalx, domt nofs siegħa nistenna sakemm it-tifel poġġha l-bagalja tiegħu, u oħtu wkoll, u z-zija wkoll, u z-ziju wkoll, u l-ħabiba tagħhom ukoll, u n-nannu wkoll, u ankè n-nanna. L-aġenta dehret qagħdet attenta tipprova tara li tipprintja boarding passes daqs kemm kienu nies, u fl-aħħar tathom mazz sħiħ. U mbagħad kien imissni jien. "Tajjeb emergency seat?" qaltli. "Perfekt!" għedtilha jien. Perfett għax ma kinux se jħalluni l-art, perfett għax ikolli xebgħa legroom, u perfett għax jekk ikolli niftaħ il-bieba tal-emerġenza, noħroġ jien l-ewwel. Inħobbu l-emergency seat.
U mort biex ngħaddi mis-security. Ir-Rit tas-Security! Sakemm kont qed nistenna għaċ-ċekinn, ankè hawn inġema' koċċ kju. Xi għaxar fillieri kju. Għedt fuck it, nistenna bħall-ħmar. Imma bqajt dieħel sa ġewwa, għedt forsi nista' nitla' u ngħaddi mis-security ta' fuq minflok. Imma kien magħluq b'dak it-tejp jew x'jgħidulu b'waħda għassa miegħu. U nara lift u malli għafastlu ninduna li fil-fatt kien lift għall-istaff biss. U pronta ġiet tal-għassa b'ton imqanżaħ, "Dak ma tistax tużaaah, trid terġa' tmur lura fil-kjuuu!" Bħallikieku qed nipprova nisraq! U dort lura taparsi bħall-kelb il-mismut biex nara nsibx xi mkien ieħor minn fejn ngħaddi għal fuq. U mxejt sat-tarf l-ieħor tas-sala bil-mod, u x'ħin erġajt lura, nara li n-nies il-ġodda li bdew ġejjin kienu qed jitilgħu dritt għal fuq. Dik tal-għassa kienet fetħet għal fuq għax is-sala t'hawn isfel kienet imtliet. X'ħin għaddejt minn ħdejha ratni, u għajnejna ltaqgħu u wiċċha tfixkel.
X'ħin diħlin fuq l-ajruplan minn fuq il-pont, innutajt karozza VIP ħdejn l-ajruplan, u għedt isa ħej, minjaf min se jonorana bil-preżenza tiegħu illum. U dħalt fl-ajruplan u kif kulħadd kien poġġut, laqagħna l-pilot u beda, "Onorevoli Ministru u s-Sinjura Vella, għeżież passiġġieri, nilqagħkom għal din it-titjira lejn Malta", eċċetra eċċetra, jew hekk fhimt insomma. Għedt, Ministru Vella min hemm bħalissa? Ma rajt lil ħadd li għaraft jien u tiela'. U għaddast rasi fil-mobajl u ma tajtx kas.
F'nofs il-flight, ħassejtni ftit patrijott u ġibt Ċisk u Pringles. Nofsni patrijott, għax kieku full, kont inġib Twistees, imma Pringles kelli aptit. Wara nofs il-birra, ta' ħdejja marret fit-toilet ta' quddiem, li s-soltu jkun riservat għal ta' quddiem biss għax jagħlqu dik is-section bil-purtiera. U ħsibt, għedt ta' min nuża dak it-toilet u nitkixxef min kien dal-Ministru. U x'ħin noħroġ mit-toilet, narah: eyebrows kbar jaqra l-gazzetta. L-Eċċellenza Tiegħu il-President tar-Repubblika. Tilifha l-protesta llejla.

No comments:
Post a Comment